Una breve historia de Malta

[texto completo en versión original escrito por Alan Delia]

It-turiżmu huwa importanti ħafna għal Malta minħabba d-dħul finanzjarju li jġib miegħu u n-numru ta’ nies li jħaddem. It-turisti li jżuru gżiritna kull sena, l-aktar għax-xemx u l-baħar, jafuna bħala l-gżira tal-Kavallieri. U ma jistax jonqos. Jaraw is-salib bi tmien ponot fuq l-ajruplani tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, ir-riklami tal-armerija huma u għaddejjin mill-ajruport hekk kif jaslu, u fuq kollox minħabba li jafu bil-belt kapitali msemmija għall-Gran Mastru Jean Parisot de Valette li kien il-protagonista fil-ġlieda u r-rebħa kontra l-forzi Ottomani fl-Assedju l-Kbir tal-1565.

Iva, il-Kavallieri huma sinonimi ma’ Malta u dak li ħallewlna warajhom – fosthom is-swar u l-fortifikazzjonijiet li jagħtu għal fuq il-port il-kbir, l-għadd ta’ bereġ imxerrdin madwar il-gżira, it-teatru nazzjonali, l-akwedott u l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann – huma xhieda ta’ kemm Malta kienet prezzjuża għal waħda mill-aktar Ordnijiet Militari Kristjani famużi tal-Medju Evu. Imma l-istorja ta’ Malta ma tibdiex u tispiċċa mal-Kavallieri.

Fil-fatt tibda ħafna qabel. Mhux kull min jiġi jaf li Malta għandha l-eqdem bini wieqaf fid-dinja fil-forma tat-Tempji Megalitiċi li jmorru lura sa tlett elef sena Qabel Kristu, eqdem mill-piramidi tal-Eġittu. Għandna ħdax-il tempju preistoriku li seba’ minnhom huma Siti ta’ Wirt Dinji kif iddikjarati mill-UNESCO.

Ħarsa lejn il-bandiera ta’ Malta turina l-George Cross li jfakkar fis-sehem importanti li Malta kellha matul it-tieni gwerra dinjija, meta minħabba l-importanza strateġika tagħha, sfat ibbumbardjata bl-aktar mod intensiv. L-Assi attakkaw b’mod feroċi l-portijiet biex iwaqqfu l-fornimenti tal-ikel biex forsi l-gżira jew iċċedi, jew l-abitanti tagħha jmutu bil-ġuħ.

Imma l-gwerra ntrebħet u l-Maltin komplew jiktbu l-istorja tagħhom: fl-1964 bil-kisba tal-Indipendenza u aktar tard– fl-2004 – meta Malta saret wieħed mis-27 membru tal-Unjoni Ewropea.